Wara numru ta’ xhur, id-direttivi li kellhom il-Podjatristi waqfu, hekk kif tħabbar li ntlaħaq ftehim bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-Assoċjazzjoni tal-Podjatristi Maltin mal-awtoritajiet tas-Saħħa. Il-kwistjonijiet pendenti kienu jitrattaw il-prattiċi tal-ħidma tal-Podjatristi u r-riżorsi umani fi ħdan il-kura primarja.
Fi stqarrija, il-UĦM spjegat li grazzi għal dan il-ftehim, se ssir ir-riforma meħtieġa fis-sistema tal-appuntamenti, kif ukoll se jiżdied il-ħin li l-Podjatristi ikollhom allokati ma’ ċerti pazjenti li jkunu jeħtieġu aktar ħin. Barra minhekk, għall-ewwel darba, se jiġi introdott is-servizz tal-Assistenti Podjatristi wara li dawn jingħataw l-assistenza meħtieġa.
L-Assistenti Podjatristi se jkunu qed jgħinu billi jagħtu kura bażika fis-saqajn għal dawk l-aktar vulnerabbli għal dawn il-kundizzjonijiet. Dan kollu se jwassal biex l-impjegati preżenti fid-Dipartiment tas-Saħħa jiġu orjentati għat-tibdil meħtieġ fi ħdan is-settur kollu tas-Saħħa. Aktar minhekk, il-pubbliku se jibda jiġi mgħarraf aktar bit-tama li tiżdied aktar il-kuxjenza dwar il-ħidma tal-Podjatri.
Il-UĦM qalet li din ir-riforma għandha twassal għal żieda fil-kwalità tal-kura mogħtija mid-Dipartiment tal-Podjatrija, hekk kif il-Podjatristi se jingħataw dak kollu li għandhom bżonn biex jagħmlu użu massimu mill-ħiliet professjonali tagħhom b’risq il-pazjenti.
//= $special ?>

