Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ sieket u għandu jieħu passi immedjatament kontra l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, li nqabad jigdeb għal darba darbtejn, inkluż fil-Parlament, dwar l-intenzjoni tal-Gvern biex jixtri Palazzo Verdelin fil-Belt.
Dan fl-istess waqt li Mark Gaffarena qed jinnegozja mas-sidien privati ta’ dan il-palazz biex jixtrih mingħandhom biex imbagħad ibigħu lill-Gvern bi prezz ogħla. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li kien hemm mill-anqas żewġ każi fejn il-Ministru Abela gideb.
L-ewwel fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari f’Ġunju li għadda, imbagħad fi tweġibiet lill-ġurnalisti, li fihom ċaħad kategorikament li l-Gvern għandu intenzjoni jixtri Palazzo Verdelin. Madankollu, emails żvelati mill-ġurnal The Times of Malta juru biċ-ċar li Carmelo Abela kien qed jigdeb.
Jason Azzopardi kompla li hu ċar li Joseph Muscat hu alleat ta’ Gaffarena, tant li mhux biss jiddefendih iżda jġiegħel lill-Ministri tiegħu jigdbu biex jiddefenduh. Jekk Muscat ma jieħux passi, allura jkun ikkonfermat li Muscat stess hu l-moħħ wara l-iskandli ta’ ħmieġ ma’ Gaffarena. Qal li l-gideb ta’ Ministru tal-Gvern, saħansitra fil-Parlament, iwassal biex il-poplu ma jistax jafda lill-Ministri.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Alan Abela Wadge qal li l-poplu Malti qed jitlef il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija, hekk kif iż-żewġ Ministri tal-Intern ta’ dan il-Gvern inqabdu jigdbu. Qal li s-sensiela twila ta’ skandli fi żmien tant qasir huma bla preċedent, tant li f’sentejn biss, dan il-Gvern laħaq il-livelli ta’ korruzzjoni li kien hemm fil-Gvernijiet ta’ Dom Mintoff u Lorry Sant.
//= $special ?>

