Żewġt irġiel li jipprattikaw il-base jumping u li fl-2013 għamlu qabża spettakolari bil-paraxut mill-bini tal-One World Trade Center, fi New York, kienu akkużati li ‘tappnu u ddiżrispettaw’ it-tifkira tal-vittmi tal-attakki terroristiċi li kienu saru fuq din il-belt fil-11 ta’ Settembru tal-2001.
Il-qorti li pproċessat lil Andrew Rossig ta’ 34 sena u lil James Brady ta’ 33 sena, ikkundannathom dwar delitt li jikkonsisti f’azzjonijiet li jimponu sogru sostanzjali għal ħaddieħor u li fihom, il-persuni responsabbli ma jagħtux kas ta’ x’jista’ jiġri minn persuni oħra.
L-Imħallef ikkundanna wkoll lil Rossig u lil Brady talli telgħu mal-iskyscraper mingħajr ma kienu awtorizzati u li huma, imbagħad, qabżu bil-paraxut minn għoli ta’ 104 sulari. Hu mifhum li biex iwettqu dan, l-irġiel kellhom jgħaddu minn toqba li kien hemm ġo fence madwar il-bini.
Il-każ imur lura għal Settembru tal-2013, u ż-żewġt irġiel kienu mmultati $2000 kull wieħed filwaqt li issa jridu jagħtu servizz fil-komunità.
Intant, il-qorti, dan ix-xahar, trid tikkonferma s-sentenza għal base jumper ieħor, Marko Markovich.
Il-base jumping hu sport estrem li jinvolvi qabżiet bil-paraxut minn bini għoli.
F’dan il-każ, Rossig u Brady użaw il-helmet cameras biex jiġbdu l-qabża mill-One World Trade Center u wara ċċirkolaw il-filmati fuq l-internet. Fiż-żmien meta saret il-qabża, il-bini – li jinsab fis-sit fejn kienu tilfu ħajjithom 2,700 persuna waqt l-attakk tal-2011 mit-terroristi tal-al-Qaeda – kien għadu għaddej minn proċess ta’ kostruzzjoni.
//= $special ?>