Internazzjonali

Qawwiet tal-ajru Torok jattakkaw il-militanti Kurdi

Il-qawwiet tal-ajru tat-Turkija, fil-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, wettqu sensiela ta’ attakki fuq il-militanti Kurdi, u r-rapporti qalu li dawn il-qawwiet laqtu mill-inqas 17-il mira speċifika fl-artijiet Torok tax-Xlokk.

L-offensiva kkonċentrat l-aktar fuq miri fil-provinċja ta’ Hakkari, li tinsab mal-fruntiera Torka li tmiss mal-Iran u l-Iraq.

It-Turkija, fl-aħħar ġimgħat, għaddiet minn spinta ta’ vjolenza bejn il-militar u s-separatisti Kurdi tal-grupp PKK. Fil-fatt, l-aħħar offensiva tal-ajru fuq il-Kurdi seħħet sigħat wara li kienu nqatlu disa’ persuni waqt mewġa ta’ attakki fuq il-qawwiet tas-sigurtà Torok. L-awtoritajiet qed jakkużaw lill-PKK bħala l-ixprun għal uħud minn dawn l-attakki.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn it-Turkija u r-ribelli separatisti Kurdi sfuma fix-xejn ix-xahar li għadda meta t-Turkija bdiet tibbumbardja l-kampijiet tal-PKK fit-Tramuntana tal-Iraq. Dan seħħ waqt li l-qawwiet tal-ajru Torok kienu qed iwettqu attakki separati fuq il-militanti tal-ISIS fis-Sirja.

Ir-rapporti qalu li l-aħħar offensiva tal-ajru mit-Turkija qed tkun interpretata bħala ritaljazzjoni għall-attakki li twettqu nhar it-Tnejn fuq il-qawwiet tas-sigurtà Torok.
Kelliema għall-militar qalu li l-militanti Kurdi, xi sigħat ilu, attakkaw ukoll bażi tal-Armata f’Sirnak, fix-Xlokk tat-Turkija, fost sparaturi oħra bejn il-qawwiet Torok u l-militanti fi tlett ibliet oħra tat-Turkija.