L-investigaturi li qed jindagaw il-qerda tal-ajruplan tal-Malaysian Airlines li sena ilu kien qed itir minn fuq il-Lvant tal-Ukrajna, qalu li nstabu biċċiet ta’ dik li hu maħsub li hi sistema missilistika tar-Russja fl-inħawi fejn niżel l-ajruplan tat-Titjira MH17.
L-iskwadra tal-investigaturi fl-Olanda sostniet li l-biċċiet – li jistgħu jkunu ġejjin minn sistema ‘Buk’ għall-missili tat-tip surface-to-air – huma ta’ interess partikulari u kapaċi jiddeterminaw is-sorsi involuti fit-tiġrif tal-ajruplan.
Madankollu, il-kelliema qalu li ma nstabux provi ta’ konnessjoni każwali bejn il-biċċiet u t-tiġrif tal-ajruplan.
L-ajruplan inkwistjoni – Boeing 777-200ER – kien għaddej waqt titjira minn Amsterdam għal Kuala Lumpur meta ġġarraf fl-Ukrajna tal-Lvant, fis-17 ta’ Lulju tal-2014. Fuqu kien hemm 283 passiġġier u ekwipaġġ ta’ 15, li kollha tilfu ħajjithom fl-inċident.
L-ajruplan kien niżel f’zona kkontrollata mir-ribelli li jridu l-unjoni mar-Russja. L-Ukrajna u diversi pajjiżi tal-Punent akkużaw lil dawk ir-ribelli bħala l-kaġun tat-traġedja. Il-kelliema għall-Ukrajna u l-Punent qalu li r-ribelli setgħu użaw sistema missilistika ‘Buk’ li pprovditilhom ir-Russja, iżda Moska u r-ribelli qed jiċħdu dan waqt li jirribattu li l-militar tal-Ukrajna jaħti għat-twaqqigħ tal-ajruplan.
L-iskwadra konġunta tal-investigaturi tinkludi rappreżentanti mill-Olanda, l-Ukrajna, il-Malasja, l-Awstralja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u r-Russja. Huma qed jiltaqgħu f’The Hague, l-Olanda, biex jiddiskutu abbozz tar-rapport dwar il-kaġun tat-tiġrif tal-Boeing, li l-verżjoni tiegħu mistennija tkun ippubblikata f’Ottubru.
//= $special ?>