Futbol Lokali Sport

Telfa kbira għal Hiberrnians

Iċ-Champions tal-futbol Malti tan-nisa Hibernians, fetħu l-impenji tagħhom f’Ċipru fi Grupp 3 ta’ kwalifikazzjoni għaċ-Champions League tal-UEFA b’telfa kbira 5-0 kontra Stranjan tal-Iżvezja.

Hibs bdew fuq nota tajba b’xutt ta’ Martina Borg fl-ewwel minuta u fl-10 minuta kienu anke sfortunati meta minn freekick ta’ Dorianne Theuma, mogħti għal fawl fuq Chetham, il-ballun spiċċa mal-lasta.

Hawn il-logħba saret aktar missielta u fl-20 minuta Poliana fetħet l-iskor għal Stjarnan. Tmien minuti wara minn freekick għal fawl ta’ Claire Sciberras, kienet Francielle li rduppjat.

B’żewġ gowls vantaġġ l-Iżvediżi amministraw kif riedu u kienu mċaħħda diversi drabi mill-gowlkiper Keoney Demicoli sakemm fid-39 minuta wasal it-tielet gowl minn awto-gowl sfortunat ta’ Charlene Zammit.
Appena żewġ minuti mit-tieni taqsima l-Iżvediżi neħħew kull dubju mir-riżultat b’gowl ieħor ta’ Poliana fl-ewwel azzjoni tat-taqsima u mbagħad kien fid-90 minuta li Sigurdardottir għalqet il-logħba bil-ħames gowl.

Hibernians lagħbu b’din il-formazzjoni: Demicoli, R. Borg (Tonna 72), Sciberras, Debono, C. Zammit, D. Theuma, E. Xuereb, Chetham (Azzopardi 82), M. Borg, S. Zammit, Chircop (Naudi 65)

Intant mill-istess Grupp 3 Apollon Limassol li magħhom tilgħab l-internazzjonali Maltija Rachel Cuschieri għelbu 2-0 lil Klaksvigar Itrottarfelag ta’ Faroe Island.