Lokali

Żagħżugħ Brittaniku l-isptar minħabba s-sħana fil-kamra ta’ lukanda f’San Ġiljan

Immaġinak tmur vaganza u l-lukanda li tkun fiha tant tkun fi stat diżastruż li minħabba fiha tispiċċa l-isptar issofri minn deidrazzjoni u eżawrit minħabba s-sħana.

Dan hu dak li ġralu żagħżugħ ta’ 20 sena mir-Renju Unit li fl-aħħar jiem kien alloġġjat f’lukanda f’San Ġiljan, magħrufa għall-istat diżastruż li tinsab fiha, b’nuqqas ta’ l-iktar faċilitajiet bażiċi li wieħed jista’ jimmaġina.

Kif jispjega dan iż-żagħżugħ f’review li ħalla lil-lukanda fuq Tripadvisor, hu ttieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza fejn qatta’ tmien sigħat mill-vaganza tiegħu jieħu trattament.

Spjega li hu ma xorobx alkoħol, u li għalhekk din ma kinitx ir-raġuni għall-istat mediku tiegħu. Qal li fil-kamra tiegħu, fl-eqqel ta’ mewġa ta’ sħana li laqtet lil pajjiżna, la kellu arja kundizzjonata u lanqas fann tant li kellu jorqod fil-gallarija biex forsi jkun jista’ jieħu nifs.

Imma kollox kien għalxejn, u meta pprova jieħu shower biex jiffriska, skopra li mix-shower l-ilma bilkemm kien iqattar, aħseb u ara kemm hu possibbli li jinħasel.

Iż-żagħżugħ saħansitra rrakkonta li malli waslet l-ambulanza għalih, manager tal-lukanda mar ħdejn l-istaff mediku u beda jitfa’ t-tort ta’ dan kollu fuq iż-żagħżugħ.

Ovjament iż-żagħżugħ temm il-vaganza tiegħu ħesrem hekk kif ħareġ mill-isptar, u telaq lura lejn pajjiżu wara biss jumejn … imma mhux qabel kellu niżżel waħdu l-bagalji għal disa’ sulari sħaħ għaliex il-lifts kienu kollha bil-ħsara.