Minkejja l-kontroversja kbira li nqalgħet dwar il-garanzija bankarja ta’ €88 miljun li l-Gvern ta lill-Electrogas għall-proġett tal-bini tal-Powerstation, fil-jiem li għaddew il-Gvern approva l-estensjoni tal-garanzija għal €360 miljun, jiġifieri għamel tajjeb għas-somma addizzjonali ta’ €272 miljun oħra lill-konsorzju minn flus il-poplu.
Minkejja li l-Gvern għażel numru ta’ ġurnalisti minn media differenti u laqqagħhom biex jagħtihom din l-aħbar – laqgħa li għaliha Media.Link Communications ma kinux mistiedna – maltarightnow.com qed jiżvela din l-aħbar.
Maltarightnow.com hu infurmat li l-konsorzju Electrogas kellu bżonn din il-garanzija bankarja tal-Gvern biex ikun jista’ jissellef aktar minn €400 miljun li għandu bżonn biex jibni din il-powerstation tal-gass li suppost ilha li bdiet taħdem aktar minn 5 xhur.
Dan il-ġurnal jista’ jiżvela wkoll li s-self tal-Electrogas li ngħata bis-saħħa ta’ din it-tieni garanzija bankarja mill-Gvern sar mill-Bank of Valletta (BOV), l-HSBC tal-Ingilterra, il-bank Ġermaniż KfW IPEX u s-Société Générale ta’ Franza.
Meta s-‘Sunday Times of Malta’ żvelat l-ewwel garanzija bankarja, fil-pajjiż qamet kontroversja kbira għax dan kien ifisser li l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jagħmel tajjeb għas-self biex tinbena powerstation privata. Fost l-argumenti li ġabet l-Oppożizzjoni, kien hemm li din il-garanzija statali ma ssemmiet fl-ebda ħin fis-sejħa internazzjonali għall-interess, u dan seta’ sar għad-dannu ta’ kumpaniji oħrajn li setgħu kienu interessati biex jitfgħu l-offerti tagħhom.
Dwar din il-garanzija bankarja unika li qatt ma ngħatat bħalha qabel, il-Ministru Edward Scicluna stess kien qal li kieku l-Gvern kellu jippubblika d-dettalji, f’pajjiżna jkun hawn ‘economic turmoil’. Issa qed jirriżulta li anke dwar it-tieni garanzija l-Gvern żamm kollox mistur. U dan minkejja li l-pubbliku għandu kull dritt ikun jaf x’qed isir bi flusu.
Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista : Il-poplu Malti u Għawdxi se jerfa’ piż kolossali biex Joseph Muscat isalva ġildu
Fi stqarrija b’referenza għal dan, l-Oppożizzjoni tikkundanna bil-qawwa kollha d-deċiżjoni irresponsabbli tal-Gvern li jagħmel garanzija kolossali ta’ €360 miljun għall-bini tal-power station. Dan huwa piż kolossali li se jkollu jġorr il-poplu Malti bla ebda forma ta’ konsultazzjoni u kollox bil-moħbi.
Wara li l-Gvern kien daħħal il-poplu Malti f’piż ta’ €88 miljun minn wara dahar kulħadd, issa kellu l-wiċċ iżid dan il-piż, minn wara dahar kulħadd, għal €360 miljun. Din hija garanzija mill-Gvern lill-privat li qatt ma saret bħalha f’Malta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat diġà falla fil-wegħda ewlenija tiegħu li jibni Power Station ġdida fi żmien sentejn. Issa huwa ċar li falla wkoll fil-wegħda tiegħu li jara li din il-power station tinbena b’investment mill-privat. Minflok, se jkun il-poplu Malti u Għawdxi, li bit-taxxi tiegħu, se jkollu jagħmel tajjeb biex dan il-proġett, li lanqas hemm bżonnu, jitwettaq.
L-Oppożizzjoni tfakkar li l-Gvern mgħandu l-ebda mandat elettorali biex ipoġġi piż kolossali ta’ €360 miljun fuq il-poplu Malti. Huwa ċar li l-uniku raġuni għal dan il-piż fuq il-poplu Malti huwa li Joseph Muscat jiprova jsalva ġildu.
L-Oppożizzjoni mhux se tħalli dan l-att gravi ta’ irresponsabbilita jibqa’ għaddej u se tara li l-Gvern jagħti rendikont ta’ għemilu.
//= $special ?>


