Quddiem id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li parti mill-Univeristà żviluppata mill-Ġordaniżi se ssir fiż-Żonqor, l-Oppożizzjoni tinsisti mal-Gvern li jippubblika d-dokumenti relatati ma’ din id-deċiżjoni kontroversjali.
Il-Partit Nazzjonalista esprima l-pożizzjoni tiegħu fi stqarrija, li fiha sostna li jemmen li l-Prim Ministru Muscat qed ipoġġi l-karettun qabel iż-żiemel meta jiddikjara bla kundizzjoni li parti mill-Università l-ġdida se ssir fiż-Żonqor. Dan meta l-applikazzjoni għadha qed tkun trattata mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla.
Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia esprimiet it-tħassib serju tagħha lejn Gvern li assolutament jinjora l-kontabbiltà biex ikunu assigurati l-ogħla livelli ta’ edukazzjoni terzjarja. Dan kollu jikkonferma kemm il-Gvern u l-awtoritajiet indipendenti llum saru ħaġa waħda.
Therese Comodini Cachia qalet li fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni pubblika mill-Kummisjsoni ghall-Edukazzjoni Ogħla, iċ-Chairman tal-Kummissjoni għandu jikkjarifika jekk itteħditx deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, li fil-fatt wasslet lill-Prim Ministru biex jiddikjara li parti mill-Università ġdida xorta se ssir fiż-Żonqor.
Fin-nuqqas ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, l-Oppożizzjoni tibqa’ serjament imħassba mill-manipulazzjoni tal-Gvern fuq l-Awtorità li, bħall-oħrajn, saret pupu f’idejn il-Gvern.
Stqarrija separata mill-Kunsill Studenti Universitarji
Sadanittant, stqarrija oħra dwar din il-kontroversja nħarġet mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), li esprima diżappunt li l-Gvern iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibqa għaddej bil-proġett u jalloka l-Università l-ġdida fiż-Żonqor.
Il-KSU qal li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sbuħija u l-importanza tal-Ambjent Malti għall-ġenerazzjonijiet futuri, biex tiddaħħal somma flus f’investiment, jista’ jkun deskritt biss bħala viżjoni qasira.
Għaldaqstant, il-KSU appella lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ħalli jassigura li l-Ambjent jingħata prijorità u fl-aħħar mill-aħħar il-vuċi tal-poplu tirbaħ għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>

