Lokali

Feruti minn biċċiet ta’ injam li tar f’wiċċhom kawża ta’ murtal

Raġel ta’ 62 sena u mara ta’ 56 sena sofrew ġrieħi gravi meta ntlaqtu minn biċċiet t’injam kawża ta’ murtal.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija, ftit qabel l-10pm, f’farmhouse fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq.

Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li r-raġel u l-mara, t-tnejn residenti l-Kalkara, kienu fost numru ta’ nies oħra li ddeċidew joħorġu mill-bini hekk kif beda jinħaraq in-nar tal-ajru fil-viċin. Madankollu, hekk kif kienu ħerġin, murtal laqat xi injam u tajjar ammont ta’ biċċiet li laqathom f’wiċċhom.

Aktar stħarriġ biex jiġi stabbilit eżatt x’wassal għal dan għadu għaddej mill-Għassa taż-Żurrieq.