Lokali

Ħafna emmnu lil Muscat…iżda falla

Waqt il-kampanja elettorali Muscat wiegħed ħafna. Bosta nies emmnuh. Ħafna ivvutaw għax emmnu tassew fil-bidla. Illum, f’nofs leġislatura, Joseph Muscat falla milli jimplimenta l-wegħdiet ewlenin tiegħu.

Hekk jikkummenta illum l-editur ta’ The Malta Independent Stephen Calleja fil-blog tiegħu ippubblikat fuq l-internet.

Calleja jgħid li l-pedamenti tar-rebħa laburista fl-2013 kienu kwistjonijiet li bdew jolqtu lin-nies bis-saħħa. U l-Lejber wiegħed roadmap ċara għad-diffikultajiet li kien qed jiffaċja l-poplu. In-nies emmnu lil Joseph Muscat, u dan wassal għal rebħa storika mill-PL.

Stephen Calleja jagħmel lista sħiħa tal-iskandli l-kbar ta’ dan il-Gvern – il-Cafe’ Premier, l-iskandlu Gaffarena, u t-€88 miljun garanzija bankarja lill-Electrogas.

Apparti dan, fil-blog tissemma l-wegħda tal-power station li baqgħet ma twettqitx fiż-żmien u t-tkissir tas-settur ambjentali. Kwistjonijiet oħra jaħarqu huma l-izvilupp propost f’Żonqor, it-taħwid fit-trasport pubbliku u s-sitwazzjoni prekarja fl-isptar.

Il-blog jagħlaq billi jgħid li l-kriżi li kien fiha l-Gvern Nazzjonalista sa sentejn u nofs ilu issa qed iddur fuq il-Lejber.