Il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat qed imiss il-qiegħ ma’ kull ġurnata li tgħaddi, hekk kif issa qed jirriżulta li l-Gvern qed ikun diskriminatorju wkoll fost il-morda u l-anzjani. Dan hekk kif bħalissa l-Isptar Mater Dei jinsab fl-agħar kriżi li qatt eżistiet fis-Sajf.
Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Butiġieg, mix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Robert Cutajar.
L-istqarrija tgħid li s-sitwazzjoni tant marret għall-agħar li l-pazjenti bdew jitpoġġew anke fir-Recovery Area tad-Day Surgery, xi ħaġa li qatt ma ġrat ħlief meta fix-Xitwa 2011 inġiebu pazjenti mill-gwerra fil-Libja.
Il-Partit Nazzjonalista qal li, kif sostniet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, waħda mir-raġunijiet għal din il-kriżi hi li fl-Isptar Mater Dei hemm 140 sodda okkupati minn anzjani li għandhom bżonn kura fit-tul u għalhekk posthom mhuwiex f’Mater Dei iżda fi Djar tal-Anzjani.
Sostna li dan hu rizultat tal-fatt li ż-żewġ politiċi responsabbli mill-anzjani (Michael Farrugia u Justyne Caruana) moħħhom biss biex idaħħlu anzjani mid-disretti elettorali tagħhom fid-djar tal-anzjani minflok ma jimxu bi proċedura xierqa.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ssostni li hi ħasra li f’nofs din il-kriżi, il-persuni magħżula minn Konrad Mizzi u Chris Fearne biex imexxu l-Isptar Mater Dei tilfu kull kontroll tas-sitwazzjoni. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu bżonn Kaptani b’saħħithom u mhux dawk li jabbandunaw il-vapur meta jkun il-maltemp, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>