Internazzjonali

Il-PM Awstraljan Abbott jopponi l-vot favur iż-żwieġ bejn l-omosesswali

Tony Abbott, il-Prim Ministru Awstraljan, qal li kien se jkeċċi lil dawk il-membri parlamentari tal-partit tiegħu, il-Partit Liberali, li jivvutaw favur il-liġi li tippermetti ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Abbott, Kattoliku devot, qal li l-koalizzjoni tal-Gvern li jmexxi ma kinitx se tippermetti li jsir vot ħieles dwar il-kwistjoni imma kien lest iressaq referendum jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss fl-2016.
Wara li xi politiċi ewlenin tal-Partit Liberali qalu li kienu lesti jivvutaw favur, Abbott qal li jekk hemm membru parlamentari li ma setax jimxi skont il-politika tal-partit, dan kellu jwarrab.
Abbott ħasad lill-kollegi tiegħu meta t-Tlieta filgħaxija sejjaħ laqgħa urġenti tal-koalizzjoni biex itemm il-polemika li nqalgħet u rrabja lil ħafna fi ħdan il-partit tiegħu stess peress li preżenti kien hemm membri parlamentari tal-Partit Nazzjonali, li hu membru fil-koalizzjoni. F’dan il-partit, ħafna mill-membri parlamentari huma kontra ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika fl-Awstralja qed jindika li bejn 60 u 70 fil-mija tal-Awstraljani huma favur din il-liġi.
L-Oppożizzjoni min-naħa tagħha qalet li Abbott kien staġnat fil-passat. Bill Shorten, il-Mexxej tal-Oppożizzjoni, qal li l-Awstralja kellha għażla ċara bejn li żżomm lil Abbott u l-ugwaljanza fiż-żwieġ.