Għat-tieni ġurnata konsekuttiva, il-Gvern Ċiniż żvaluta l-yuan Ċiniż biex jipprova jikkontrolla kriżi ekonomika kbira.
It-Tlieta kienet l-ewwel darba f’20 sena li l-Gvern żvaluta l-munita nazzjonali minkejja li dakinhar qal li din kienet miżura ta’ darba.
L-iżvalutar mill-Bank Ċentrali Ċiniż jenfasizza t-tħassib li hemm għat-tieni l-akbar ekonomija dinjija. Dan hekk kif l-esportazzjoni Ċiniża f’Lulju kienet ta’ 8.3 fil-mija anqas mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet, fost tħassib li minħabba s-saħħa tal-yuan, il-prodotti Ċiniżi kienu qed isiru anqas kompetittivi.
Issa dan il-pass aktarx se jqanqal tensjoni fil-qasam kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti, kif ukoll l-Awstralja.
It-Tlieta, il-yuan kien żalutat b’1.9 fil-mija u l-Erbgħa b’1.6 fil-mija.
It-Tlieta wkoll, il-Bank Ċentrali Ċiniż qal li l-valur tal-yuan kien stabbli imma minħabba dak li ġara l-Erbgħa, aktarx din il-ħaġa se tibda tiġri spiss.
Ħafna ekonomisti wissew li b’dan l-iżvalutar, mhux mistenni li jkun hemm xi spinta kbira għall-esportazzjoni Ċiniża imma dan issorprenda lil ħafna.
B’hekk, iċ-Ċina saret it-tielet potenza ekonomika li naqqset il-valur tal-munita tagħha wara l-Ġappun u l-Unjoni Ewropea tul dawn l-aħħar sentejn.
Il-yuan, magħruf ukoll bħala renminbi, jitħalla jilgħab fil-valur f’zona ta’ tnejn fil-mija aktar jew anqas mill-valur stabbilit mill-Bank Ċentrali Ċiniż.
Il-yuan Ċiniż ikompli jitlef il-valur
