Qabżu sew is-60 persuna l-vittmi tas-sħana kbira li qed tagħmel bħalissa fl-Eġittu. Dan seħħ fi żmien tlett ijiem hekk kif it-temperatura f’partijiet kbar tal-pajjiż hi ta’ madwar 46 grad Celsius.
Skont il-MENA, l-aġenzija tal-aħbarijiet Eġizzjana, il-maġġoranza tal-vittmi kienu anzjani. Ma’ dawn hemm ukoll mill-inqas 580 persuna li kellhom ikunu rekoverati l-isptar u li minnhom sal-bieraħ kien għad fadal aktar minn 200.
It-Tlieta kien hemm ukoll ċittadin Ġermaniż li miet f’Luxor minħabba l-effetti tas-sħana.
Awwissu fl-Eġittu, bħalma jiġri f’ħafna pajjiżi tal-Mediterran, hu xahar sħun, imma din is-sena s-sħana hi agħar mis-soltu. Il-Ministeru tas-Saħħa qal li din id-darba kien hemm livell għoli ta’ umdità u għalhekk l-effetti kienu qed jinħassu aktar mis-soltu.
Il-Ministeru kellu wkoll jiċħad xnihat li l-imwiet kienu kkawżat minn virus.
Jiżdiedu l-vittmi tas-sħana fl-Eġittu
