Hekk kif il-Greċja qed tipprova ssib soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja tagħha, fil-pajjiż qed tiżviluppa kriżi ġdida. Din id-darba minħabba l-ammont kbir ta’ immigranti li qed jidħlu fil-pajjiż.
Ilbieraħ il-Gvern Grieg bagħat stakkament ta’ pulizija ta’ kontra l-irvellijiet minn Kos wara li t-Tlieta kien hemm inċidenti vjolenti bejn l-immigranti u l-pulizija. Is-Sindku ta’ Kos, Yorgos Kyritsis, wissa li l-inċidenti kienu se jispiċċaw f’banju ta’ demm jekk ma ssirx xi ħaġa minnufih. Yorgos Kyritsis qal li kien intilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u s-servizzi fil-gżira ma setgħux ilaħħqu.
Fl-istess ħin li l-Erbgħa kienet qed tissaħħaħ il-preżenza tal-forzi tas-sigurtà, f’Kos sar żbark ieħor ta’ mijiet ta’ immigranti.
Il-Greċja din is-sena rat ammont rekord ta’ immigranti irregolari għall-Unjoni Ewropea hekk kif s’issa żbarkaw mal-125,000 immigrant – żieda ta’ 750 fil-mija fuq is-sena li għaddiet.
Kos hi biss waħda mill-gżejjer Griegi li qed jiffaċċjaw il-kriżi tal-immigrazzjoni, l-aktar minn nies mis-Sirja, l-Afganistan u l-Iraq, li spiss jagħmlu l-vjaġġ mit-Turkija. Minbarra Kos, li hi popolari ħafna mat-turisti, hemm il-gżejjer Griegi ta’ Lesbos, Chios, Samos u Leros, li wkoll għandhom il-problemi.
Sadattant, fuq il-front l-ieħor fil-Greċja, il-Gvern ippreżenta l-abbozz tal-ftehim li ntlaħaq mal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew biex ikun jista’ jingħata t-tielet bailout. Dan bl-iskop li l-Ħamis filgħaxija jittieħed il-vot qabel il-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro l-Ġimgħa. Imma minħabba tilwim intern fil-partit Syriza tal-Prim Ministru Alexis Tsipras, hemm possibbiltà li l-vot jittieħed il-Ġimgħa.
Kriżi fil-gżira ta’ Kos
