Lokali Qorti

Daboma Jack u Alison Cutajar jieħdu b’idejn xulxin u jitgħannqu fil-Qorti

Minn argument u arrest fid-daħla tal-Belt għal tgħannieqa fl-Awla tal-Qorti. Hekk spiċċat l-istorja tal-istudent Ungeriż Daboma Jack u ż-żagħżugħa Alison Cutajar, hekk kif it-tnejn illum iltaqgħu wiċċ imb’wiċċ fil-Qorti.

Quddiem il-Maġistrat Carol Peralta, l-Avukati taż-żewġ naħat qalu li lesti jwaqqgħu l-azzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ xulxin. L-erba’ Avukati li qed jirrappreżentaw lil Cutajar qalu li l-klijenta tagħhom qed titlob skuża għall-aġir tagħha dakinhar tal-inċident. Qalu li ma kinitx l-intenzjoni tagħha li tkun razzista jew li b’xi mod tonqos mir-rispett fil-konfront tal-Ungeriż.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat ta’ Daboma Jack qal li l-klijent tiegħu kien qed jaċċetta l-iskużi ta’ Alison Cutajar, kif ukoll id-dikjarazzjoni li l-każ ma kienx instigat minn xi sentiment razzist. Għaldaqstant, aċċetta li ma jixhidx kontra Cutajar.

Fuq parir ta’ wieħed mill-Avukati ta’ Cutajar, iż-żewġ naħat ħadu b’idejn u għanqu lil xulxin, fejn kienet evidenti l-kommossjoni f’wiċċ Cutajar. Wara dan kollu, il-Maġistrat Peralta qal li l-każ hu wieħed magħluq la ż-żewġ naħat waqqgħu l-akkużi fil-konfront ta’ xulxin.

Sadanittant, quddiem il-Qorti xehdu wkoll tliet Kuntistabbli tal-Pulizija, li xehdu li waslu fil-post wara li ġara l-inċident. Min-naħa l-oħra, il-Kuntistabbli Joseph Debrincat qal li kien qed jagħżel li ma jixhidx minħabba l-proċeduri dixxiplinarji interni li qed jiffaċċja bħalissa dwar l-istess każ.

Il-każ seħħ fil-Venda tal-Belt meta l-Gvern nieda s-servizz tal-card għat-trasport pubbliku. Dakinhar kien inqala’ kaos sħiħ fil-Venda tal-Belt. Kien għalhekk li Daboma Jack issuġġerixxa biex isir kju kif suppost. F’dak il-mument, allegatament, Alison Cutajar tagħtu daqqa ta’ ħarta u anke beżqitlu.