Lokali

Il-Ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON b’rapport esklussiv dwar ix-xhieda quddiem il-Bord Intern tal-Pulizija dwar il-każ tal-isparatura mill-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia. Jirriżulta li l-pulizija tas-CID kienu ordnati biex ma jinvestigawx il-każ u kien biss ħamest’ijiem wara li l-ordni ġiet irtirata.

TIMES OF MALTA jirrapporta dwar it-tieni garanzija bankarja mill-Gvern lill-konsorzju Electrogas biex jiffinanzja l-bini tal-Power Station. Il-garanzija bankarja issa telgħet għal €360 miljun. Rapport ieħor hu dwar l-istudent Ungeriż Daboma Jack, li safa’ vittma ta’ attakk razzista, mistenni jitressaq quddiem il-Qorti akkużat li kiser il-paċi pubblika u “tappan ir-reputazzjoni” ta’ Alison Cutajar, il-mara li aggredietu.

THE MALTA INDEPENDENT ukoll jirrapporta dwar iż-żieda qawwija fil-garanzija bankarja tal-Gvern. Jikkwota wkoll l-istqarrija tal-PN li tgħid li dan hu piż kolossali fuq il-poplu biex Muscat isalva ġildu. Storja oħra fuq il-faċċata ta’ quddiem hi dwar kumpanija Maltija li tinsab fil-mira ta’ investigazzjoni Amerikana fejn allegatament għamlet “qliegħ illeċitu” ta’ 25 miljun dollaru.

L-ORIZZONT jirrapporta dwar il-proġett tal-Power Station fi storja bit-titlu “Banek ‘kbar’ ma’ Electrogas” iżda ftit li xejn tissemma l-garanzija bankarja €360 miljun magħmula mill-Gvern. Storja oħra fl-ewwel faċċata tal-Orizzont hi dwar uffiċjal tas-sigurta’ sawwat żewġ subien ta’ 12 u 13-il sena b’ċintorin meta kien xogħol fl-istabbiliment McDonald’s ta’ Buġibba. L-uffiċjal hu mpjegat ma’ kumpanija privata li toffri li servizzi tas-sigurta’ lil McDonald’s.

THE MALTA BUSINESS WEEKLY jirrapporta dwar il-ħtieġa li Malta taġġorna l-liġijiet tagħha dwar il-logħob.