Lokali

Il-Gvern jiddiskrimina fost il-media – stqarrija ta’ Media.Link communications

Fi stqarrija Media.link Communications tinnota li l-Gvern għażel u ddiskrimina fost il-media f’pajjiżna, meta għażel media tal-preferenza tiegħu biex iħabbar il-garanzija unika u indiċenti għall-Power Station il-ġdida, u ħalla barra lil Media.link Communications.

Dak li ħabbar il-Gvern l-Erbgħa filgħaxija huwa serju ħafna u kull Malti u Maltija għandhom id-dritt li jkunu jafu. Bil-mod kif aġixxa l-Gvern, ma riedx li dawk li jsegwu l-mezzi ta’ Media.link Communications isiru jafu b’din il-garanzija bankarja. Media.link Communications tfakkar lill-Gvern li huwa l-poplu Malti u Għawdxi kollu li qed jagħmel tajjeb għall-wegħda politika ta’ Joseph Muscat, u mhux settur biss tal-poplu Malti u Għawdxi.

Media.link Communications tikkundanna l-fatt li l-Gvern għażel li jagħti kummenti dwar din il-garanzija bankarja unika lil min ried hu, minflok ma sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex kulħadd ikun infurmat b’dan l-aħħar żvilupp fis-saga tal-Power Station ta’ Muscat.

Fl-istqarrija, iffirmata mill-Kap tat-taqsima tal-aħbarijiet ta’ Media.link Communications, Fabian Demicoli, qal li minkejja din id-diskriminazzjoni, Media.link communications kienet minn ta’ quddiem, permezz tal-portal MaltaRightNow.com u Net News, li żvelat din l-aħbar li l-Gvern ried li jaħbi minnha. Media.link Communications se tibqa’ tiprovdi l-aqwa servizz lis-semmiegħa, telespettaturi u qarrejja Maltin u Għawdxin.