Għat-tielet jum konsekuttiv, iċ-Ċina reġgħet naqqset il-valur tal-munita nazzjonali yuan.
It-tnaqqis ta’ wieħed fil-mija fil-konfront tad-dollaru ma jitqiesx fuq l-istess livell tal-iżvalutar għal għarrieda tal-yuan li kien ikkonfermat fil-jumejn preċedenti u li ħoloq inċertezza sostanzjali fis-swieq.
Il-passi taċ-Ċina fir-rigward tal-yuan qajmu tħassib dwar l-impenji għall-iżvalutar kompetittiv bl-iskop li tingħata stimolu lill-esportazzjoni minn dan il-pajjiż. Dan meta l-aħħar data wriet tnaqqis fl-esportazzjoni taċ-Ċina, fost l-inkwiet li t-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja riesqa lejn sitwazzjoni fejn tonqos ir-rata tal-iżvilupp ekonomiku.
Munita anqas b’saħħitha għandha taċċerta li jorħos il-prezz tal-prodotti Ċiniżi lil hinn miċ-Ċina, u l-kumpaniji Ċiniżi jsiru aktar kompetittivi fis-swieq internazzjonali.
Fid-dawl tal-aħħar data ekonomika, ix-xejriet fis-suq jistgħu, ‘il quddiem, jirriżultaw f’aktar tnaqqis fil-valur tal-yuan.
//= $special ?>