Lokali

Inċident iehor bi quadbike : Taljana ssofri ġrieħi gravi f’daharha

Taljana li qegħdha fuq btala fil-Gżejjer Maltin sofriet ġrieħi gravi f’daharha meta waqgħet minn fuq quadbike.

L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar meta l-vittma kienet riekba fuq quadbike mikri li kien qed jinstaq mir-raġel tagħha f’Wied il-Mielaħ, iż-Żebbuġ, Għawdex.

Il-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat, Għawdex, sussegwentament stabilixxew li l-koppja kienu neżlin niżla meta l-vettura nqalbet.

Il-mara għall-ewwel ma’ rrejalizzatx il-gravità tal-ġrieħi li ġarrbet u kien ftit tal-ħin wara li talbet għall-assistenza medika minħabba l-uġiegħ li bdiet tħoss. Hi ttieħdet l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn ġie stabbilit li kienet ġarrbet ġrieħi gravi fis-sinsla.

Jumejn ilu seħħ inċident iehor bi quadbike fi Triq il-Manikata, l-Mellieħa, fejn Svediża ta’ tmienja u erbgħin sena tinsab taħt kura ntensiva wara li waqgħet minn fuq il-quadbike.