Is-Soċjeta’ ċivili, b’mod partikolari ż-żagħżagħ, għandha tkun involuta iktar fil-ħajja ta’ kuljum u meta jkun hekk, il-partiti politiċi għandhom iżommu pass lura.
Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħżagħ fid-Dar Ċentrali.
Simon Busuttil qal li eżempju tipiku hu l-bini tal-Universita’ fiż-Żonqor, li tmur lil hinn mill-kontroversja politika u taffetwa il-ġid komuni. Hu qal li l-PM Joseph Muscat qed jippretendi li l-poplu jgħidlu grazzi għaliex se jirrovina nofs iż-Żonqor minflok iż-Żonqor kollu.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħżagħ Andrew Micallef qal li jaqbel mal-Kap tal-PN li ż-żagħżagħ għandhom ikunu fuq quddiem.
Hu qal li sfortunatament, il-fatt li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħżagħ jiġbor fih għaqdiet u gruppi b’interessi differenti dan iwassal għal diversi battibekki li jxekklu l-Kunsill milli jkollu vuċi magħquda.
Dwar il-kwistjoni tal-universita’, Micallef qal li minbarra l-kwistjoni ambjentali, hemm ukoll id-dimensjoni edukattiva, u l-Kunsill qed jitkellem mal-istakeholders kollha.
Preżenti għal dan il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-oppożizzjoni għaż-Żagħżagħ David Agius u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Simone Aquilina
//= $special ?>

