Internazzjonali

Jimmy Carter jiżvela li għandu kanċer

L-eks-President tal-Istati Uniti, Jimmy Carter, sostna li l-kirurġija fil-fwied li għadda minnha dan l-aħħar żvelat li għandu kanċer li nfirex f’partijiet oħra ta’ ġismu.

Carter, Demokratiku mill-Georgia, li llum għandu 90 sena, kien għamel din l-operazzjoni kmieni dan ix-xahar u qal li hu għandu jiżvela aktar dwar is-sitwazzjoni tiegħu ladarba l-fatti jsiru magħrufa. Hu possibbli li aktar aġġornamenti dwar il-kundizzjoni ta’ Carter jingħataw il-ġimgħa d-dieħla. Dan l-eks-President Amerikan għandu jingħata trattament mit-tobba ma’ Emory Healthcare, f’Atlanta.

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, tkellem ma’ Carter permezz ta’ telefonata, u awgura fejqan sħiħ u ta’ malajr lil dan li kien id-39 President Amerikan ta’ bejn l-1977 u l-1981.

Meta spiċċa mill-White House, fl-1981, Jimmy Carter baqa’ jaħdem b’mod attiv għal skopijiet umanitarji u waqqaf il-Carter Center li jikkonċentra fuq dawn l-impenji u fuq il-medjazzjoni politika.

Carter jibqa’ magħruf ukoll bħala negozjatur ewlieni fil-patt tal-1994 għad-diżarm nukleari mal-Korea ta’ Fuq, u f’dawn l-aħħar snin żar lill-President tas-Sirja, Bashar al-Assad.

Fl-2002, Jimmy Carter rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi għall-impenji tiegħu biex jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għall-konflitti interni, u kien ukoll rikonoxxut għall-ħidma mal-aġenziji għad-drittijiet umani, inizjattivi demokratiċi u promozzjoni tal-programmi soċjali u ekonomiċi.