Mill-inqas 60 persuna nqatlu fi splużjoni ta’ trakk-bomba li straxxnat is-suq attiv ta’ Jameela, fil-Grigal ta’ Bagdad, il-kapitali tal-Iraq. L-isplużjoni kienet segwita bi stqarrija ta’ responsabbiltà mill-militanti Sunni tal-ISIS, li qalu li kienu qed jimmiraw għall-milizzji Xiti li ilhom ix-xhur jiġġieldu kontra l-ISIS fl-artijiet tat-Tramuntana u l-Punent tal-Iraq.
Is-suq ta’ Jameela jinsab fil-Belt ta’ Sadr li hi distrett dominat mix-Xiti. L-attakk qed jitqies fost l-aktar qattiela fiz-zona tal-kapitali mindu ħa l-poter il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, daqs sena ilu.
Din mhix l-ewwel darba li l-Belt ta’ Sadr spiċċat fil-mira ta’ attakki bil-bombi min-naħa tal-ISIS, hekk kif fl-aħħar xhur inqatlu għexieren ta’ nies fi splużjonijiet madwar l-inħawi ta’ Bagdad.
//= $special ?>