Mietu għexieren ta’ persuni f’żewġ splużjonijiet kbar li riegħdu l-belt tal-port ta’ Tianjin fit-Tramuntana taċ-Ċina. Din it-traġedja ħalliet ukoll mijiet kbar midruba.
Hu mifhum li ż-żewġ splużjonijiet seħħew f’maħżen fiz-zona tal-port li kien mimli bi prodotti kimiċi perikolużi. Qed jingħad li l-maħżen hu proprjetà tal-kumpanija Ruihai Logistics u li l-isplużjonijiet kienu dovuti għal kunsinna ta’ splussivi li kienet qed tinżamm f’dan il-post. L-aħħar aħbarijiet miċ-Ċina qalu li persuna waħda assoċjata mal-kumpanija kienet qed tinżamm għall-interrogazzjoni.
L-isplużjonijiet fi Tianjin tant kienu qawwijin li ħolqu ballun ta’ nirien enormi li seta’ jintlemaħ mill-ispazju. L-effetti tal-isplużjonijiet kienu jinħassu minn żewġ kilometri ’l bogħod u kien hemm rapporti li nqerdu wkoll blokok ta’ uffiċini u mijiet ta’ karozzi.
L-ewwel miż-żewġ splużjonijiet seħħet fiz-Zona Ġdida ta’ Binhai, li hi zona industrijali enormi li tinkorpora fabbriki tal-karozzi u setturi għall-produzzjoni tal-ajruplani, flimkien ma’ kumpaniji oħra għar-riċerka u l-manifattura. Din kienet segwita minn splużjoni oħra aktar qawwija u sensiela ta’ splużjonijiet iżgħar.
Sadanittant, il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, wiegħed li ssir investigazzjoni sħiħa ta’ x’seta’ ġara f’Tianjin u li l-pubbliku se jkun aġġornat bl-aħħar żviluppi.
//= $special ?>