Ċertu protokolli mid-Dipartiment tas-Saħħa dwar entitlements partikolari għandhom ikunu iċċarati u jkun hemm inqas lok għal interpretazzjoni biex ma tinħoloqx diskriminazzjoni.
Sostna dan l-Ombudsman Parlamentari il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino waqt il-preżentazzjoni tar-rapport ta’ Charles Messina, il-Kummissarju għas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Ir-rapport tal-Kummissarju għas-Saħħa wasal wara numru ta’ ilmenti minn pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete. Dawn ir-rapporti kienu dwar ċertu tipi ta’ insulina, li l-Gvern jagħti biss lil dawk li jsofru minn dijabete Type 1 u mhux lil pazjenti li jbatu minn Type 2. Rapporti oħra jinkludu pazjenti taħt it-18-il sena li jingħataw sa 4 stikek kuljum għat-test tal-glucose filwaqt li adulti jingħataw in-nofs.
Dawn, kompla l-Ombudsman, huma tipi ta’ diskriminazzjoni li għandhom jiġu indirizzati.
Sitwazzjoni oħra hi dik dwar Hepatitis C fejn saru ilmenti li l-medicina għal din il-kundizzjoni mhux qed tingħata.
Filwaqt li fil-każi tad-dijabete, ir-reazzjoni tal-Gvern kienet waħda li fiha se jipprova jindirizza l-anomalija, dwar il-mediċina tal-Hepatitis, il-Gvern qal li daħlet mediċina ġdida li l-prezz tagħha hu wieħed ezorbitanti, ta’ madwar €75,000 għal kull pazjent.
L-Ombudsman qal li jifhem li jkun hemm limitazzjonijiet ta’ sostenibbilita’ finanzjarja u dan għandu jibqa’ kriterju importanti fit-tqassim ta’ mediċini u trattamenti. Madanakollu, f’dawk il-parametri finanzjarji, is-servizzi mogħtija mill-Gvern għandhom ikunu skont kriterji ugwali għal kulħadd.
M’għandhiex tinħoloq diskriminazzjoni f’entitlements tas-saħħa – l-Ombudsman


