Lokali

NCFHE: Il-proċess għadu mhux lest

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) fi stqarrija kkonfermat li l-proċess ta’ skrutinju relatat mal-akkreditazzjoni tal-American University of Malta (AUM) biex tkun tista’ topera bħala università f’Malta għadu għaddej imma ppreċiżat li dawn huma proċeduri separati u indipendenti minn dawk relatati mal-għażla tas-sit għal din l-università.

B’hekk il-Kummissjoni kkonfermat dak li sostniet l-Oppożizzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa meta permezz tax-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia staqsiet x’inhu l-iskop tal-proċess li għaddej quddiem din il-Kummissjoni – bħala l-awtorità kompetenti – biex l-AUM tiġi akkreditata bħala università meta l-Prim Ministru diġà ddikjara u jinsab ċert li l-Università Amerikana se tiġi żviluppata u parti minnha xorta se ssir fiż-Żonqor.

Fl-istqarrija tagħha, il-Kummissjoni kompliet tgħid li fil-proċess ta’ akkreditazzjoni qed tagħmel skrutinju dettaljat tal-applikazzjoni u skont ir-regolamenti ta’due diligence. Qalet ukoll li l-applikazzjoni qed tiġi analizzata b’mod professjonali u oġġettiv skont dak li jitolbu r-regolamenti li tistipula l-liġi Maltija.

Minkejja li dan il-proċess għadu għaddej u allura wieħed jikkonkludi li s’issa l-applikazzjoni għadha ma ġietx aċċettata, nhar il-Ħadd il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li din l-università se tinbena u minkejja l-oppożizzjoni qawwija minn kull naħa – inkluż l-akbar protesta ambjentali li qatt saret f’Malta – parti minnha xorta se tinbena fiz-zona ODZ fiż-Żonqor.