Għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) il-kummenti li għadda fuq Facebook Philip Rizzo – il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ – dwar uffiċjal tal-ETC li taqa’ taħtu, huma inaċċettabbli u ta’ min jikkundannahom.
Kien il-ġimgħa l-oħra li Rizzo kiteb kumment fuq il-Facebook maġenb ritratt li tellgħet waħda mill-impjegati u li fih tidher bil-malja, u kkummentalha li hi l-unika Kap ta’ Diviżjoni fl-ETC “with the three Bs…Brains, Boobs and Balls”.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni qalet li kummenti bħal dawn qatt mhuma aċċettabbli, u li wieħed iġib ruħu b’dan il-mod huwa kundannabbli mhux biss f’livell ta’ CEO imma fil-livelli kollha.
L-NCPE tkompli li l-Liġi tal-Ugwaljanza twaqqfet biex tippromwovi l-ugwaljanza għan-nisa u l-irġiel f’Malta, u waħda mill-funzjonijiet tagħha bħala Kummissjoni hi li tiżgura li fil-postijiet tax-xogħol kulħadd – nisa u rġiel – ikun trattat b’mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u d-dinjità tiegħu. Drittijiet li, tkompli l-istqarrija, jinkludu l-libertà minn kull diskriminazzjoni u fastidju – inkluż dak sesswali, bullying, intimidazzjoni u vittimizzazzjoni.
Il-Kummissjoni appellat ukoll biex l-entitajiet pubbliċi u privati kollha jkollhom policy adegwata f’dan il-qasam u jipprovdu taħriġ lill-istaff u anke lill-management biex ikunu konxji ta’ x’inhu u x’mhux aġir aċċettabbli fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdmu, inkluż fir-relazzjoni mal-kollegi tagħhom.
//= $special ?>

