Internazzjonali

Stennija għall-vot dwar il-bailout fil-Greċja

Il-Parlament f’Ateni qed jiltaqa’ f’sessjoni ta’ emerġenza bil-ħsieb li jirratifika ftehim ġdid għall-bailout li l-pajjiż jeħtieġ b’urġenza. Sadanittant, ma kienx ċar jekk dan il-ftehim, ekwivalenti għal għexieren ta’ biljuni ta’ ewro, kellux appoġġ kategoriku min-naħa tal-Ġermanja.

Filwaqt li xi deputati tal-partit Syriza, li hu mmexxi mill-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, jopponu l-ftehim mal-kredituri internazzjonali, il-kontenut tal-pakkett mistenni jkun approvat xorta mil-leġiżlatura f’Ateni. Dan għaliex il-partiti Griegi tal-Oppożizzjoni qed jidhru lesti li jivvutaw favur il-bailout fil-vot kruċjali li mistenni għas-sigħat bikrin ta’ għada.

Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li l-partit Syriza għandu jgħaddi minn firda formali, bid-deputati ‘ribelli’, li qed imexxihom l-eks-Ministru għall-Enerġija, Panagiotis Lafazanis, iwiegħdu vot kontra l-ftehim għall-bailout. Il-vot għandu juri wkoll jekk ir-ribelli humiex jitkellmu minn pożizzjoni ta’ saħħa, u l-aġir tagħhom jista’ jżid il-pressjoni fuq Tsipras biex isejjaħ elezzjoni bikrija fil-Greċja minn Settembru.

Hu minnu wkoll li l-pakkett tas-salvataġġ għall-Greċja, li jiswa sa 85 biljun ewro fuq tliet snin, irid xorta waħda jkun approvat mill-istati membri l-oħra taz-zona ewro waqt laqgħa għall-Ministri tal-Finanzi Ewropej li ssir għada fi Brussell. Il-bailout hu mill-aktar kruċjali għall-Greċja għaliex jagħmel id-differenza kollha għall-futur ta’ dan il-pajjiż bħala membru taz-zona ewro.

Il-Prim Ministru Grieg, Tsipras, fl-aħħar sigħat qal li kien fiduċjuż li l-Greċja jirnexxilha tasal fi ftehim u tikseb l-appoġġ li għandha bżonn biex tintemm l-inċertezza ekonomika. Iżda l-Ġermanja, s’issa, żammet lura l-approvazzjoni għal abbozz ta’ pjan fiskali li jsalva lill-Greċja u li jinkludi injezzjoni immedjata ta’ flus kontanti, ekwivalenti għal 10 biljun ewro, lill-banek Griegi.

L-aħħar rapporti qalu li l-ekonomija Griega kibret b’0.8 fil-mija bejn April u Ġunju, u l-istatistika uffiċjali tmur kontra l-aspettattiva ta’ tnaqqis profond. Intant, l-informazzjoni ma żvelatx liema kienu s-setturi ekonomiċi l-aktar attivi.