Lokali

Bus Lane illegali fil-Gżira

BenQ Digital Camera

Il-bus lane li l-Gvern għamel bejn il-Gżira u Tas-Sliema ħolqot kontroversja qawwija u kritika mix-xufiera, b’mod partikolari minħabba l-konġestjoni tat-traffiku.

Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal The Times of Malta rrapporta li bus lane fi triq b’żewġ karreġġjati hi illegali. Dan jirriżulta minn korrispondenza bejn il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-kumpanija tal-Gwardjani Lokali, li hi responsabbli mill-infurzar tal-Ligi fil-lokalitajiet.

Jirriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien qed jirċievi lmenti li sewwieqa ta’ muturi kienu qed isuqu b’veloċità qawwija minn fuq il-bus lane biex jeviatw it-traffiku li kien qed jinġema fl-unika karreġġjata li tħalliet għall-vettri normali.

Kienet l-Avukat u Kummissarju tat-Tribunal Lynn Zahra li nformat lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-sliema li kien illegali li ssir bus lane fi triq li fiha żewġ karreġġjati biss, kif fil-fatt hi t-triq li mill-Gżira tagħti għal Tas-Sliema.

Madankollu, skont il-Ministru tat-Traspot Joe Mizzi, din il-bus lane ħalliet riżultati pożittivi u issa kien qed isir pjan kif jitjieb it-traffiku ħdejn Manoel Island.

Sadanittant, Transport Malta qed tesprimi pożizzjoni differenti u qed issostni li t-terminu li għandu jintuża’ mhuwiex “bus lane” iżda “priority lane”, jiġifieri lane li ma tintużax esklussivament mill-karrozzi tal-linja, iżda wkoll minn vetturi li jaħdmu bl-elettriku, ir-roti, it-taxis u l-karozzini.

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li m’hemm l-ebda leġislazzjoni li tispeċifika n-numru ta’ karreġġjati li jrid ikun fiha triq biex fiha tkun tista ssir priority lane. Bħala eżempju, Transport Malta semmiet Triq Sant Anna fil-Floriana u Triq Aldo Moro fil-Marsa, liema toroq ewlenin fihom mill-anqas tliet karreġġjati.