Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Thomas de Maiziere, qal li mhux aċċettabbli li 40 fil-mija mill-mewġa rekord ta’ refuġjati f’pajjiżu ġejjin mill-Balkani filwaqt li fisser din is-sitwazzjoni bħala waħda imbarazzanti għall-Ewropa.
Il-Ministru kkundanna s-sensiela ta’ protesti kontra l-barranin u d-delitti ta’ mibagħda kkaġunati mill-influss tal-barranin. Id-delitti jinkludu attakki kontra x-xelters għar-refuġjati, u de Maiziere fisser dan l-aġir bħala inkomprensibbli u li mhux denju ta’ pajjiżu.
Il-Ġermanja, li hi l-akbar pajjiż tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ poplu, qed issibha diffiċli biex takkomoda lill-ħafna barranin li qed ifittxu l-kenn politiku u li ġejjin minn zoni tal-gwerra bħas-Sirja, kif ukoll minn pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa – bħall-Albanija, is-Serbja u l-Kosovo – li mhumiex ibatu l-effetti ta’ konflitt militari.
Thomas de Maiziere jammetti li s-sitwazzjoni qed timponi sfida kbira li l-poplu tiegħu għandu jilqagħha. Hu, fl-istess ħin, saħaq li l-isfida tista’ tingħeleb minn pajjiż bħall-Ġermanja u li l-aktar ħaġa importanti hi li l-Ġermaniżi jagħrfu d-differenza bejn in-nies li jeħtieġu l-protezzjoni u dawk li ma jeħtiġuhiex.
Il-Ġermanja tilmenta dwar il-mewġa tar-refuġjati mill-Balkani
