Il-Prinċep William u martu Catherine, id-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge, qegħdin iwissu bis-sod lill-paparazzi biex ma jkomplux idejqu lil uliedhom ċkejknin.
Is-segretarju għall-komunikazzjonijiet għall-Palazz ta’ Kensington kiteb ittra bil-miftuħ lill-media, li fiha enfasizza kif il-Prinċep George u l-Prinċipessa Charlotte spiċċaw dejjem aktar taħt is-sorveljanza tal-fotografi li m’għandhomx awtorità speċifika.
L-ittra faħħret lill-istampa Britannika, Awstraljana, Kanadiża u ta’ New Zealand talli rrispettat il-privatezza tal-familja tad-Duka ta’ Cambridge u qalet li din il-familja hi sodisfatta li l-kapijiet tal-media wkoll jifhmu li kull tfajjel, irrispettivament mir-rwol pubbliku li jista’ jkollu fil-futur, ħaqqu jgawdi tfulija ferħana u privata.
William u Kate rringrazzjaw ukoll lill-pubbliku għall-messaġġi tal-appoġġ u wiegħdu opportunitajiet uffiċjali regolari fejn jittieħdu r-ritratti ta’ wliedhom, ladarba jikbru.
Iżda d-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge jħossuhom iddispjaċuti għall-fatt li numru żgħir ta’ fotografi paparazzi qed jagħmlu minn kollox biex jissodisfaw is-suq kbir internazzjonali li hawn għar-ritratti ta’ wliedhom li mhumiex awtorizzati.
Il-paparazzi mwissija dwar il-Prinċep George


