Tibqa’ ‘l fuq fl-aġenda politika l-kwistjoni tal-prezzijiet lokali tal-petrol u d-diesel, hekk kif il-konsumaturi Maltin għadhom f’sitwazzjoni li mhux qed jibbenefikaw mill-fatt li l-prezz internazzjonali taż-żejt jinsab fl-anqas livelli.
Minn statistika ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea jirriżulta li l-prezz tad-diesel f’Malta hu 8ċ ogħla milli hu fi 19-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Jirriżulta li l-prezz medju fid-19-il pajjiż taż-Żona Ewro hu €1.18 kull litru, filwaqt li l-prezz medju tad-diesel fit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea hu €1.22 kull litru.
Dan jikkonferma li d-diesel f’Malta hu 8ċ ogħla kull litru mid-19-il pajjiż taż-Żona Ewro. Il-prezz tad-diesel f’Malta hu ta’ €1.26 kull litru. Fil-fatt, jirriżulta li l-prezz tad-diesel f’Malta hu ogħla minn dak fl-Awstrija, il-Belgju, id-Danimarka, il-Kroazja, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Grecja, il-Lussumburgu, il-Polonja, il-Portugall u Spanja, fost l-oħrajn.
L-istess hi s-sitwazzjoni dwar il-prezz tal-petrol, fejn il-prezz f’Malta hu ogħla minn dak li hu f’14-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea, fosthom fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fil-Latvja, fl-Estonja, fis-Slovenja, fi Spanja u fil-Lussumburgu.
Fost oħrajn, din is-sitwazzjoni ġabet ir-reazzjoni tal-Malta Automobile Club, li qal li l-importzzjoni, il-ħażna u l-bejgħ taż-żjut m’għandhomx ikunu negozji mmexxija mill-Gvern. Il-Club staqsa meta l-kumpanija Enemed se traħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, tant li ġġibhom fuq l-istess livelli tal-pajjiżi l-oħra Ewropej.
Il-Malta Automobile Club sostna li ċ-ċittadini Maltin għandhom dritt jieħdu l-istess benefiċċji bħaċ-ċittadini Ewropej mis-suq tal-kompetizzjoni. Għandhom id-dritt ukoll li jagħżlu l-grad u l-kwalità ta’ petrol u diesel għall-vetturi tagħhom.
Punt ieħor imqanqal mill-Malta Automobile Club hu għaliex il-pompi tal-petrol kollha f’Malta jbigħu l-petrol u d-diesel bl-istess prezz, f’sitwazzjoni li ma tinsab fl-ebda pajjiż ieħor fid-dinja.
//= $special ?>

