Internazzjonali

Itellgħu l-bandiera Amerikana fuq l-ambaxxata f’Kuba

L-Istati Uniti reġgħet fetħet l-ambaxxata tagħha f’Kuba, b’dan il-pass simboliku jindika t-titjib riċenti fir-relazzjonijiet bilaterali.

Il-ftuh mill-ġdid tal-Ambaxxata qed iseħħ aktar minn 54 sena wara li ngħalqet, b’John Kerry jippresiedi fuq iċ-ċerimonja f’Havana bħala l-ewwel Segretarju tal-Istat Amerikan li żar Kuba f’70 sena. Kerry, sadanittant, fisser it-tlugħ tal-bandiera Amerikana fl-inħawi bħala ‘mument storiku’.

Il-bandiera Amerikana kienet ippreżentata, f’Havana, mill-istess morini Amerikani li kienu niżżluha fl-1961.

Kien proprju x-xahar li għadda li Kuba fetħet mill-ġdid l-ambaxxata tagħha f’Washington, iżda l-eks Mexxej Kuban, Fidel Castro, ikkritika lill-Istati Uniti talli ma neħħietx l-embargo kummerċjali impost fuq pajjiżu.

Fil-fatt, u permezz ta’ ittra miftuħa li ħarġet ilbieraħ, Castro qal li l-Istati Uniti għandha tagħti l-miljuni tad-dollari lil Kuba minħabba l-embargo li ilu fis-seħħ għal 53 sena. L-ittra partikolari ma semmiet xejn dwar il-ftuh mill-ġdid tal-ambaxxata Amerikana f’Havana.