Internazzjonali

L-ISIS jattakka zoni residenzjali fil-belt ta’ Sirte

Inqatlu talanqas 30 persuna wara li l-militanti tal-ISIS fetħu l-bumbardamenti bl-artillerija fuq sobborg ta’ Sirte, fit-Tramuntana tal-Libja.
Skont rapporti, l-attakk seħħ wara konfronti fl-inħawi bejn il-militanti fanatiċi u ġellieda Salafisti li ngħataw l-appoġġ taċ-ċivili f’din iz-zona.
Il-battalji bejn il-ġellieda tal-gruppi Salafisti u l-ISIS kienu żbruffaw nhar it-Tnejn li għadda wara li militanti tal-ISIS kienu qatlu lill-Kap Salafist, Khaled Ben Rjab.
Ix-xhieda fl-inħawi qalu li għexieren ta’ ċivili armati ssieħbu mal-formazzjonijiet tas-Salafisti armati biex jikkumbattu lill-ISIS, fost l-impenn komuni biex ikeċċu lil dawk il-militanti mill-belt ta’ Sirte. Min-nhar it-Tnejn ‘il hawn mietu l-għexieren tan-nies waqt il-konfronti kontinwi f’Sirte u l-madwar.