Truppi Ġermaniżi li huma parti minn koalizzjoni li qed tieħu ħsieb missjoni ta’ taħriġ fl-Iraq irrappurtaw li l-ġellieda tal-ISIS użaw l-armi kimiċi fuq milizzji tal-Kurdi. L-aħħar inċident ikkonċentra fuq qagħdiet tal-Kurdi qrib il-belt ta’ Makhmur, fil-Lbiċ ta’ Erbil.
Il-kmandanti Ġermaniżi, li qed iħarrġu lill-Kurdi qrib iz-zona tal-battalji mal-ISIS fit-Tramuntana tal-Iraq, bagħtu messaġġ urġenti lill-Ministeru tad-Difiża f’Berlin wara li semgħu dwar l-attakk fuq il-Kurdi li seħħ nhar l-Erbgħa. Il-ġellieda Kurdi, li l-milizzja tagħhom hi magħrufa bħala Peshmerga, qalu lill-Ġermaniżi li wara l-attakk uħud minnhom sofrew ħruq serju f’ġisimhom u oħrajn kienu qed ibatu biex jieħdu n-nifs.
L-ispeċjalisti dwar l-armi kimiċi mill-Istati Uniti u Franza issa waslu fiz-zona indikata biex jieħdu l-kampjuni u jiddeterminaw jekk hux tassew li ntużaw l-armi kimiċi. Dan meta spikka l-għajdut li l-ISIS, fl-aħħar ġimgħat, użaw il-gass tal-klorin għall-attakki fl-Iraq fost il-biża’ li l-grupp jista’ wkoll jibgħat il-ġellieda biex iwettqu attakki kimiċi fl-Ewropa.
L-ISIS użaw l-armi kimiċi fuq il-Kurdi
