Lokali

Mater Dei fi kriżi

Bħal ħafna pajjiżi li joffru servizzi tas-Saħħa b’xejn, Malta qed issofri minn problema kronika ta’ numru kbir ta’ pazjenti li jmorru fl-isptarijiet.

Isostni dan l-Editorjal ta’ The Times of Malta, li qal li t-tmexxija ta’ Mater Dei għadha fi kriżi. Filwaqt li jelenka l-problemi li qed iwasslu għall-iffullar fl-Isptar, l-Editorjal ta’ The Times jikkwota lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Joseph Zarb Adami, li ddikjara li qatt qabel ma kien ra sptar ippakjat daqshekk.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ssostni li hemm 140 pazjent anzjan li qed jimblukakw 60% tas-sodod fil-kura medika akuta, bil-maġġoranza ta’ dawn ikunu każi soċjali.

Barra minhekk, l-Editorjal irrefera wkoll għall-azzjoni u l-ittra li l-MUMN kitbet lill-Ministeru tas-Saħħa, fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar iż-żieda fil-pressjoni fl-Isptar Mater Dei.

The Times isostni li jeħtieġ isir investiment ġdid biex ikun hemm ingaġġ ta’ aktar professjonisti, filwaqt li jkun installat apparat aktar modern li jipprovdi faċilitajiet aħjar ta’ trattament. L-Editorjal jappella wkoll għal konsensus politiku dwar is-Saħħa għax dan hu meħtieġ quddiem is-sitwazzjoni ta’ kriżi li daħal fiha l-Isptar.

Dwar il-kura b’xejn, The Times isostni li din kienet kisba ta’ politiċi tal-passat, li kienu jemmnu li dan kien dritt għal kulħadd.