Internazzjonali

Misteru dwar l-isplużjonijiet f’Tianjin

In-nirien li qabdu fil-belt tal-port ta’ Tianjin kaġun tal-isplużjonijiet kbar ta’ nofs il-ġimgħa komplew jaqbdu għal 36 siegħa wara. Dan waqt li l-esperti militari li jispeċjalizzaw fil-materjal kimiku qed jinvestigaw l-inħawi għall-possibbiltà ta’ gassijiet velenużi.
Mietu mill-inqas 60 persuna, u aktar minn 720 indarbu (25 b’mod kritiku), b’riżultat tal-isplużjonijiet li seħħew f’maħżen fl-inħawi tal-port li kien mimli bi prodotti kimiċi perikolużi.
Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi li qed ikollhom jilbsu l-ilbies protettiv, ħarġu minn taħt it-tifrik raġel li kien għadu ħaj. Ir-raġel, li nstab xi 32 siegħa wara l-isplużjonijiet, kien identifikat bħala firefighter ta’ 19-il sena, u hu mifhum li mill-inqas 21 fost il-kollegi tiegħu kienu tilfu ħajjithom fit-traġedja.
Il-Kap tad-Dipartiment għall-Kontroll tan-Nirien f’Tianjin ilbieraħ qal li ’l fuq minn 1,000 firefighter u 140 fire engine kienu għadhom qed jikkumbattu l-fjammi kkawżati mill-isplużjonijiet.
Sadanittant, kelliema għal Tianjin Port Group Company qalu li ħadd għadu ma jaf x’sar minn għexieren fost l-impjegati tagħha fiz-zona tal-emerġenza.