Robert Downey Jr għadu kemm kien ikkonfermat bħala l-aktar attur imħallas għat-tielet sena konsekuttiva u meta hu daħħal l-ekwivalenti ta’ 51 miljun lira Sterlina.
Il-lista tal-aktar atturi mħallsin tfasslet minn Forbes, b’kelliema jgħidu li Downey Jr irnexxielu jaqla’ din is-somma flus ‘stratosferika’ grazzi għar-rwol tiegħu fil-films bit-tema ‘Iron Man’ li saru l-akbar ‘movie franchise’ fid-dinja.
Intant, il-karriera ta’ Downey, ftit tas-snin ilu, setgħet sfumat fix-xejn minħabba l-vizzju tad-droga u fejn hu jammetti li ħajtu kienet ‘waslet fix-xifer’. Filwaqt li hu kien indikat sa mill-bidunett bħala wieħed mill-aktar atturi promettenti fid-dinja, Downey qatta l-parti kbira tas-snin disgħin u l-ewwel parti tas-snin 2000 ivvizzjat bid-droga fejn anki skonta żmien il-ħabs f’Los Angeles.
Iżda l-aħħar snin urewna biċ-ċar li l-attur – li kien feġġ fix-xena bħala ‘superstar’ permezz tal-film tal-1992 ‘Chaplin’ — irnexxielu joħroġ bil-kbir minn dan il-perijodu mudlam. Fil-fatt, Downey, li llum ma jridx jaf aktar bid-droga, bena reputazzjoni pożittiva bħala raġel tal-familja li dejjem irid jivvjaġġa madwar id-dinja fil-kumpannija ta’ martu Susan (li tidher miegħu fir-ritratt) u uliedu.
Fit-tieni post tal-lista ta’ Forbes dwar l-aktar atturi mħallsin hemm Jackie Chan, l-istilla tal-arti marzjali ( bl-ekwivalenti ta’ 32 miljun lira Sterlina), segwit minn Vin Diesel, li qala’ l-ekwivalenti ta’ 30 miljun lira Sterlina grazzi għas-suċċess tal-franchise ‘Fast and Furious’.
L-attur Bradley Cooper – famuż għall-film ‘American Sniper’ – hu r-raba’ fil-lista b’26 miljuni (Sterlina) waqt li fil-ħames post hemm l-attur komiku Adam Sandler, li ġġenera l-ekwivalenti ta’ 25 miljun lira Sterlina.
//= $special ?>