Lokali Unjoni Ewropea

Se tkun l-Oppożizzjoni li se tiddefendi l-interessi nazzjonali

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tiddefendi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej li qed jinvestigaw dak li qed jagħmel il-Gvern Malti, b’mod speċjali wara li ġie żvelat li, minn wara dahar kulħadd, il-Gvern Laburista tefa’ piż kolossali ta’ €360 miljun fuq il-poplu biex jagħmel tajjeb għall-bini tal-Power Station minn konsorzju privat.

Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien max-Shadow Minister għall-Enerġija Marthese Portelli. Metsola spjegat li la l-Gvern għażel li jirriskja dawn il-miljuni kollha minn flusna, l-Oppożizzjoni se tkun qed tassigura li l-ebda familja Maltija ma titlef flus fi proġett li l-profitt minnu mhux se jkun qed jagħmlu l-poplu Malti u Għawdxi, iżda konsorzju privat.

Sostniet li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga l-Power Station tal-Electrogas minn żewġ lenti: dak tal-proċess li bih dan il-kuntratt ngħata u tbiddel fl-aħħar sentejn (public procurement), kif ukoll kemm jista’ l-Gvern jintrabat li jixtri bilfors mingħand l-Electrogas anke jekk l-elettriku jkun irħas bl-interconnector. Dawn iż-żewġ punti huma ta’ tħassib serju għall-Oppożizzjoni, li ma tridx tara lill-poplu Malti jerfa’ piż li poġġa fuqu l-Prim Ministru biex isalva ġildu.

Dwar il-proċess ta’ public procurement, Roberta Metsola staqsiet jekk dawk kollha interessati li jidħlu għal dan il-proġett kienux jafu li l-Gvern kien se jagħti garanzija bankarja fuq is-self għall-proġett. Fakkret li lbieraħ, la l-Ministru Konrad Mizzi u lanqas il-Ministru Edward Scicluna ma wieġbu mistoqsija diretta jekk il-garanzija bankarja qattx issemmiet fl-Expression of Interest u fir-Request for Proposals.

Metsola sostniet ukoll li għax jeżistu dubji serji dwar kemm hu validu dan il-proċess mimli tgerfix, il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga jekk il-kuntratt li l-Gvern irid jiffirma mal-Electrogas jiksirx ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar Public Procurement u State Aid.

Min-naħa tagħha, Marthese Portelli qalet li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jagħti din il-garanzija bankarja minn flus il-poplu Malti u Għawdxi hi waħda irresponsabbli, mibnija fuq l-egoiżmu ta’ Prim Ministru li l-uniku interess tiegħu hu li jibni Power Station mhux għax hemm bżonnha jew għax se tiffrankalna l-flus, iżda għax jekk ma jibnihiex ikollu jirriżenja. Minħabba din id-deċiżjoni irresponsabbli, kull familja f’Malta u f’Għawdex se tissogra €2,500 u dan hu għal kollox irresponsabbli.

Portelli fakkret li Muscat għamel żewġ wegħdiet ewlenin: li jirriżenja jekk il-Power Station ma tinbeniex f’sentejn u li jirriżenja jekk ma jsibx investitur privat li jinvesti f’din il-Power Station. Hu ċar li Muscat falla fl-akbar żewġ wegħdiet li għamel għax il-Power Station ma saritx sa Marzu li għadda u l-investitur privat mhu investitur xejn għax se jkun il-poplu li jerfa’ r-riskju u jagħmel tajjeb għal dan il-proġett.

Marthese Portelli fakkret li li l-Ministru Edward Scicluna stess ammetta li jekk il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax il-ftehim, allura l-Gvern se jiffinanzja l-Power Station hu stess. Din hi ħaġa li tmur kontra l-wegħda ta’ Muscat u għalhekk għandha twasslu biex jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja. Saħqet li l-ħrafa tar-roadmap fl-Enerġija, li tant ftaħru biha Joseph Muscat u Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni, mhux biss taret mar-riħ, iżda issa saret piż kolossali fuq il-poplu Malti kollu.