Internazzjonali

Aktar residenti evakwati mill-belt Ċiniża ta’ Tianjin

L-awtoritajiet fil-belt Ċiniża ta’ Tianjin qegħdin jevakwaw ir-residenti mill-inħawi sa tlett kilometri ‘l bogħod mill-port fejn, f’nofs il-ġimgħa, seħħew l-isplużjonijiet kbar li ħallew għexieren ta’ mejtin u mijiet ta’ midruba.

L-eżodu tan-nies qed iseħħ meta l-pulizija kkonfermat is-sejba ta’ kimika velenuża fis-sit li kienet identifikata bħala sodium cyanide.

Intant, l-aħħar rapporti qalu wkoll li raġel instab ħaj, xi ħamsin kilometru ‘l bogħod miz-zona tal-isplużjonijiet.

Fl-aħħar sigħat daħlu fil-port ta’ Tianjin it-truppi imħarrġin għal sitwazzjonijiet ta’ gwerra fejn jintużaw is-sustanzi kimiċi. It-truppi għandhom jieħdu ħsieb l-ammonti tas-sodium cyanide li nstabu ġo zona industrijali, bl-uffiċjali Ċiniżi jinsistu li l-livelli tal-ilma u l-arja fl-inħawi, għalissa, ma spiċċawx imniġġża.

Madankollu, xi nirien qed ikomplu jaqbdu fis-sit tad-diżastru fi Tianjin waqt li ma waqfux l-isplużjonijiet tal-karozzi li tħallew fl-inħawi tal-port.