Futbol Sport

Bilbao jumiljaw lil Barcelona

Kontra kull mistenni, Barcelona, tim li fl-istaġun li għadda iddomina u rebaħ it-‘Treble’, safa umiljat met tilef bi skor ta’ 4-0 fl-ewwel leg tal-finali tas-Super Cup Spanjola kontra Athletic Bilbao. Ġimgħa ilu Barcelona rebħu anke l-UEFA Super Cup u kienu qed jittamaw li jibnu vantaġġ fl-ewwel leg ta’ din it-tazza biex t-Tnejn jirbħu l-ħames unur tagħhom fl-2015 imma quddiemhom sabu tim li kien lest jagħmel kollox biex jirbaħ l-ewwel unur tal-istaġun Sapnjol.

Il-partita bejn dawn it-tnejn kienet ripetizzjoni tal-finali tat-Tazza tar-Re li intlagħbet f’Mejju li għadda fejn dakinhar Barcelona kienu ħarġu rebbieħa 3-1. Il-logħba tal-Ġimgħa għal darba oħra reġgħet esponiet il-problemi li għandhom fid-difiża l-Katalani. Nhar it-Tlieta li għadda dawn kienu ffortunati meta rebħu fil-ħin barrani kontra Sevilla fil-finali tal-UEFA Super Cup wara li kienu tilfu vantaġġ ta’ tliet gowls imma din id-darba l-affarijiet ma marrux kif xtaqu huma.

Minkejja li Barcelona bdew il-partita jattakkaw kienu Bilbao li marru fil-vantaġġ wara 13-il minuta meta SAN JOSE skurja minn kważi nofs il-grawnd meta ra lill-gowlkiper Ter Stegen barra minn postu wara li kien għadu kemm ikklirja ballun b’daqqa ta’ ras. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Lionel Mesi mar viċin li jiskurja minn free kick dirett imma l-gowlkiper salva f’corner.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima t-tim ta’ Luis Enrique kompla jżid il-pressjoni u fid-49 minuta kien Pedro li laqat il-lasta b’xutt minn ġewwa l-kaxxa. Minuta wara reġa’ kien Messi li kellu xutt fil-baxx salvat mil-gowlkiper.

Ta’ dan Barcelona pattew qares hekk kif Bilbao rduppjaw l-iskor meta ADURIZ skurja b’daqqa ta’ ras biex għamel l-iskor 2-0 wara li kien iċrieva cross perfett mingħand Sabin. Mas-siegħa logħob kollox kompla ġej tajjeb għal Bilbao li skurjaw it-tielet gowl meta ADURIZ approfitta minn clearance ħażina ta’ difensur avversarju.

Ir-raba’ gowl li issiġilla l-partita wasal meta sitt minuti mit-tmiem Bilbao ingħataw penalty għal fawl ta’ Dani Alves f’azzjoni ta’ corner u mill-11-il metru ADURIZ skurja ieħor biex għaqqad il-hat-trick.

Wara l-partita, l-kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique qal li minkejja t-telfa jemmen li l-plejers tiegħu jistgħu jwettqu rimonta nhar it-Tnejn li ġej.