Futbol Sport

It-tieni rebħa konsekuttiva għal Man Utd

Aston Villa v Man Utd 0-1

Man Utd komplew bit-tradizzjoni pożittiva tagħhom f’Villa Park meta rebħu bi skor ta’ 1-0 kontra Aston Villa. Dawn tal-aħħar ilhom 20 sena ma jegħlbu lir-Red Devils f’dan il-grawnd. Qabel il-partita Aston Villa ppreżentaw lill-akkwist il-ġdid tagħhom Adama Traore mingħand Barcelona. Traore, li jilgħab bħala winger għad għandu 19-il sena. Hu iffirma kuntratt ta’ ħames snin u Villa ħallsu seba’ miljun lira sterlina għalih.

Għal darba oħra, bejn il-lasti ta’ Man Utd beda l-gowlkiper Romero u mhux De Gea wara li dan tal-aħħar reġa’ tħalla barra mill-manager Van Gaal. Minkejja li ma kienx qed jimpressjonaw bil-logħob Man Utd fetħu l-iskor fid-29 minuta. Dan hekk kif JANUZAJ irċieva pass mingħand Mata, evita difensur b’finta u b’xutt fil-baxx, li anke kien ftit imxellef, għamel l-iskor 1-0. L-aħħar gowl li kien skurja Januzaj kien wasal f’April ta’ sena ilu.

Għal Man Utd din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva fil-Premiership wara li ġimgħa ilu kienu bdew b’rebħa ta’ 1-0 kontra Tottenham filwaqt li Villa naqqsu milli jibnu fuq is-suċċess li kellhom ġimgħa ilu kontra t-tim ta’ Bournemouth. Il-logħba li jmisshom Man Utd issa hi dik ta’ nhar it-Tlieta li ġej meta dawn jilagħbu l-ewwel leg tal-play-offs taċ-Champions League kontra Brugge.