Persuni armati qatlu almenu 20 persuna fil-limiti ta’ Sao Paulo, l-akbar belt tal-Brażil, b’din id-dmija tirriżulta minn sensiela ta’ attakki li seħħew fil-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt.
Ix-xhieda f’diversi lokalitajiet qalu li f’każ minnhom numru ta’ rġiel mgħammdin waqfu b’karozza qabel fetħu n-nar fuq in-nies li nzertaw quddiemhom. Kien hemm ukoll każi fejn l-irġiel armati talbu l-informazzjoni lill-vittmi qabel sparawlhom, u fejn fost oħrajn staqsewhom jekk huma kellhomx ‘rekord kriminali’.
Għaldaqstant, l-awtoritajiet f’Sao Paulo qed jinvestigaw il-possibbiltà li l-vittmi maqtula kienu magħżulin bi skop speċifiku. Dan meta l-qtil qed jindika ‘azzjonijiet ta’ tpattija’ li setgħu twettqu minn pulizija pajżana jew gruppi ta’ viġilanti li kienu qed jimmiraw għal traffikanti tad-droga u kriminali magħrufa oħra.
Esperti forensiċi li tkellmu dwar l-inċidenti qalu li qatt qabel ma raw każ fejn inqatlu daqstant nies (f’Sao Paulo) f’lejl wieħed.
L-attakki partikolari kkonċentraw fuq iz-zoni muniċipali ta’ Osasco u Barueri, bl-isparaturi anki jħallu numru ta’ midruba.
//= $special ?>