Internazzjonali

L-Istati Uniti u Kuba issa jħarsu lejn il-futur

L-Istati Uniti u Kuba qed iħejju għal taħditiet serji dwar ‘id-direzzjoni li jridu jaqbdu’ waqt il-proċess tat-titjib fir-relazzjonijiet bilaterali.

Dan wara l-aħħar żviluppi storiċi f’Havana, il-kapitali ta’ Kuba, fejn ittellgħet il-bandiera Amerikana waqt il-ftuh mill-ġdid tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’din il-belt.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, fl-aħħar sigħat, temm żjara storika ta’ jum f’Kuba li rriflettiet it-titjib tal-aħħar xhur fir-relazzjonijiet ta’ Washington ma’ dan il-pajjiż komunista.

Min-naħa tiegħu, Kerry iltaqa’ mad-dissidenti Kubani u qal li Kuba m’għandhiex tara t-tmiem tal-embargo kummerċjali (li ilha s-snin imposta fuqha mill-Amerikani) dment li l-Gvern komunista f’Havana ma jurix il-progress fil-ħarsien tad-drittijiet umani.

In-negozjaturi ta’ Kuba u l-Istati Uniti se jiltaqgħu f’Havana f’Settembru li ġej biex jibdew jiddiskutu impenji bl-iskop li r-relazzjonijiet bilaterali javviċinaw in-normalità. It-taħditiet mistennija jikkonċentraw fuq varjetà ta’ oqsma, li jinkludu l-embargo; is-sigurtà marittima u d-drittijiet tal-bniedem.