L-Ombudsman Joseph Said Pullicino ppubblika r-riflessjonijiet tiegħu dwar il-White Paper fuq it-twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
L-Ombudsman jemmen li t-twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza f’Malta għandha titqies bħala strument importanti li jkompli jikkonsolida aktar dak li nkiseb s’issa fil-pajjiż fil-qasam tal-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.
Fil-prinċipju hemm kunsens ġenerali dwar il-pass li jmiss u l-proposti li saru fil-White Paper huma pass fid-direzzjoni t-tajba. Madanakollu, jeħtieġ li jiġi assigurat li l-istrutturi eżistenti ma jiddgħajfux u lanqas ma titnaqqsilhom il-motivazzjoni. Fil-fehma tal-Ombudsman, dan il-mekkaniżmu ġdid għandu jieħu konjizzjoni tal-ordni legali eżistenti biex ikun effettiv u jintegra u jikkumplimenta istituzzjonijiet eżistenti.
Dwar l-Att dwar l-Ugwaljanza kif propost, l-Ombudsman qal li għandu jiġi evitat – akkost ta’ kollox – li jkun hemm simplifikazzjoni esaġerata. Li jitħalla wisq lok għal interpretazzjoni f’idejn istituzzjonijiet ġudizzjarji jew kważi ġudizzjarji; u aktar u aktar f’idejn awtoritajiet ta’ monitoraġġ, spiss iwassal għal konflitt ta’ ġurisdizzjoni, litigazzjoni, u deċiżjonijiet kontrastanti li ma jwasslu mkien.
L-Ombudsman irrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom fdat f’idejhom il-ħarsien ta’ persuni vulnerabbli jew ta’ xi jeddijiet umani speċifiċi, ikunu konsultati bl-aktar mod wiesa’ meta jsir l-abbozz tal-provvedimenti li jista’ jkollhom effett fuq il-qadi tal-funzjoni tagħhom.
Dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza kif proposta l-Ombudsman sostna li għandu jsir dibattitu dwar jekk il-mudell suġġerit huwiex adegwat għall-ħtiġijiet ta’ Malta. Dan meta jitqies il-livell ta’ żvilupp demokratiku, l-osservanza ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem u l-kwalità u l-effiċjenza tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji fil-pajjiż, kif ukoll, awtoritajiet u istituzzjonijiet li għandhom mandat li jippromwovu, isegwu u jinforzaw dawn id-drittijiet.
L-Ombudsman kompla jgħid li l-Uffiċċju tiegħu huwa rikonoxxut internazzjonalment diġà f’dan is-settur tad-drittijiet tal-bniedem u semma kif f’Ottubru tal-2013 kien ressaq lill-Gvern numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza għandha tkun imwaqqfa.
//= $special ?>
