Internazzjonali

L-ostaġġ Kayla Mueller kienet ‘stuprata mill-Kap tal-ISIS’

Amerikana li nħatfet mill-ISIS matul is-sajf tal-2013 spiċċat abbużata sesswalment taħt idejn il-Kap tal-militanti, Abu Bakr al-Baghdadi. L-ostaġġ, Kayla Mueller, mietet fi Frar li għadda u l-aħħar żviluppi fil-każ tagħha żvelawhom l-uffiċjali Amerikani waqt intervista lill-ABC news.

Ingħad li Mueller kienet stuprata diversi drabi minn Baghdadi, bil-familja tal-Amerikana tkun infurmata dwar l-abbuż ftit tax-xhur ilu.

Kayla Mueller kienet qed twettaq xogħol umanitarju f’Aleppo, fis-Sirja, meta nħatfet ostaġġ fit-13 ta’ Awwissu tal-2013.

Fix-xhur ta’ wara, l-ISIS qalu li Mueller tilfet ħajjitha meta qawwiet tal-ajru tal-Ġordan kienu attakkaw bażi tal-militanti fi Frar li għadda. Madankollu, l-Istati Uniti qed twaħħal fl-ISIS għall-qtil ta’ Kayla Mueller.

L-uffiċjali qalu li kisbu l-informazzjoni dwar l-abbuż ta’ Mueller mingħand tfajliet adolexxenti tal-komunità tal-Yazidi li wkoll għamlu żmien bħala ostaġġi tal-ISIS.