Lokali

Minkejja l-appell xorta waħda saru t-tiġrijiet taż-żwiemel tradizzjonali ta’ Santa Marija fis-14:30

Minkejja l-appell li sar mid-Direttorat tal-Animal Welfare, xorta waħda saru t-tiġrijiet taż-żwiemel tradizzjonali ta’ Santa Marija fis-14:30., fl-eqqel tax-xemx tul Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex

Fi stqarrija, l-SPCA ingħaqdet mad-Direttorat tal-Animal Welfare u l-Animal Rights Group fl-appell biex dawn it-tiġrijiet isiru filgħodu jew filgħaxija u jsiru fil-korsa tax-Xewkija. B’hekk iż-żwiemel ma jkunux qed ibatu l-qilla tas-sħana u jkunu qed jikkompetu fuq art li iktar adattata għalihom milli fit-toroq fejn hemm cans kbir li jweġgħu.

Ic-Chief Operations Officer ta’ SPCA Malta, Sarah Decesare Dunkerley qalet li m’hemmx il-ħtieġa li biex tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija, it-tiġrijiet isiru taħt xemx tiżreġ u fit-triq meta dawn jistgħu faċilment jiċċaqilqu għal filgħodu jew filgħaxija u fuq wicc li jkun iktar adattat għaż-żwiemel.

Tal-istess fehma id-Deputat Kap Ezekuttiv tal-organizzazzjoni World Horse Welfare Tony Tyler li qal li fatturi bħat-temperatura, il-wiċċ tal-art u l-faċilitajiet disponibbli sabiex iż-żwiemel ikunu jistgħu jikkompetu mingħajr stress żejjed jew periklu għandhom ikunu prijorita’ għall-organizzaturi.

L-SPCA tfakkar f’Avviż Legali li kien inħareg fl-2004 li jillimita t-tiġrijiet taż-żwiemel f’toroq arterjali u ħeġġet lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni.