Futbol Sport

Tispikka l-logħba bejn iċ-champions Chelsea u Man City

Ġimgħa ilu ċ-champions Chelsea ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 kontra Swansea u għada jridu jwettqu reazzjoni hekk kif se jilagħbu barra minn darhom kontra Manchester City bil-għan li jiksbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun. Madankollu, wara l-partita bejn Chelsea u Swansea d-diskussjoni kienet aktar dwar id-deċiżjoni li ħa l-managaer Jose Mourinho dwar it-tabiba Eva Carneiro. Mourinho issospenda lil Carneiro minn fuq il-bank wara li skont hu, dewwiet plejer li ma kellux bżonn joħroġ mill-grawnd.

Il-bidu f’dan l-istaġun għall-Blues ma tantx kien wieħed pożittiv fejn minbarra d-draw kontra Swansea, dawn kienu tilfu fil-finali tal-Community Shield.

Issa, wara diversi jiem ta’ kontroversja Chelsea jridu jiffukaw fuq il-logħba fl-Etihad Stadium kontra tim li fl-ewwel impenn tiegħu impressjona hekk kif għeleb lil West Browmich Albion 3-0. Għal logħba kontra s-Citizens Chelsea se jkollhom lill-gowlkiper Courtois sospiż wara li tkeċċa kontra Swansea u minfloku mistenni jibda l-akkwist il-ġdid Begovic. Minbarra Courtois, plejer ieħor li se jista’ jkun indisponibbli hu Diego Costa u jekk dan ma jibdiex mal-ewwel 11 ikun Falcao li jilgħab fiċ-ċentru tal-attakk.

City jistgħu jkunu mingħajr l-attakkant Sergio Aguero li għadu mhux fl-aqwa kundizzjoni minħabba li beda l-preseason tard għax kien għadu ġej mill-Copa America. Nhar it-Tnejn li għadda Aguero lagħab biss taqsima waħda kontra West Brom u jidher li se tkun diffiċli li dan se jibda mal-ewwel 11.