Lokali

Friends of the Earth tappella kontra t-TTIP

Hekk kif preżentament l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika li għandu jwassal sabiex is-suq Amerikan jinfetaħ għan-negozji fl-Unjoni Ewropea, Friends of the Earth Malta organizzaw konferenza tal-aħbarijiet bħala protesta kontra dan il-ftehim.

Il-ftehim hu magħruf bħala Transatlantic Trade and Investment Partnership, jew aħjar it-TTIP.

Kelliema għall-Friends of the Earth Malta, Elena Portelli, spjegat għalfejn huma kontra dan it-trattat filwaqt li semmiet kif madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejja petizzjoni kontra t-TTIP. S’issa nġabru maż-żewġ miljun u tlett mitt elf firma.

Elena Portelli li hi wkoll kelliema għall-Front kontra t-TTIP f’Malta, spjegat kif jista’ dan it-trattat jaffettwa b’mod ħażin liċ-ċittadini mhux biss f’Malta imma liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kollha.

Minn naħa tagħhom Friends of the Earth mhux biss ta’ Malta imma l-organiżazzjoni internazzjonali ħarġu bi proposta dwar it-Transatlantic Trade and Investment Partnership. Dik li ma jidħolx fis-seħħ.

Ix-xahar li għadda l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta organizza sessjonijiet sabiex dan il-ftehim ikun jinfitijhem aktar mal-qasam tan-negozju inkluż f’pajjiżna.

Minn dawn is-sessjonijiet kien ħareġ li jekk dan il-ftehim ikun iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jista’ jwassal sabiex il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jaffettwaw regoli internazzjonali fejn jidħol is-settur tan-negozju minbarra li jistgħu jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol.

Minn naħa tagħhom Friends of the Earth Malta appellaw sabiex il-Gvern u l-Awtoritajiet , bħall-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u tal-Ekonomija Chris Cardona, flimkien mas-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin, jikkunsidraw dak li qed isostnu Friends of the Earth Europe.